‘Rigal Speċjali’ huwa ġabra ta’ innijiet li jistgħu jintużaw mit-tfal Kattoliċi Maltin. Dawn l-innijiet ġew miktuba minn numru ta’ mużiċisti għal ħinijet differenti tal-quddiesa. Flimkien mal-kantanti, Bettina u Philippa ħadmu b’ħafna mħabba fl-istudio biex dawn l-innijiet jieħdu l-forma li tista’ tisma’ llum. Nittamaw li jkunu innijiet maħbuba u għeżież għat-tfal, u għall-adulti li jisimgħuhom magħhom.
Il-ħolma tagħna hija li dawn l-innijiet isiru memorji stampati f’moħħ it-tfal li jisimgħuhom. B’hekk ikunu jistgħu jġorruhom magħhom tul ħajjithom, bħal żerriegħa li tagħti l-frott jew bħal ankra fi żminijiet diffiċli.
Filwaqt li l-innijiet inkitbu bit-tir li jintużaw fl-animazzjoni tal-quddies, il-fidi tmur lil hinn mill-quddies. Għalhekk, l-innijiet jistgħu jitgawdew ukoll id-dar, fil-karozza u kull fejn ikun xieraq li tagħmlu ftit storbju flimkien bħala familja. Biex dan ikun jista’ jsir, fuq din il-website għandek issib riżorsi li jgħinuk tagħmel dan, fosthom videos, links għall-mużika, lirika u kordi, biex tkun tista’ ddoqq dawn l-innijiet.
Bħala akkumpanjament għall-proġett inkiteb il-ktieb ‘Rigal Speċjali’. Bl-illustrazzjonijiet ta’ Ariane, Archie ħa l-ħajja, minn fuq idea għal fuq il-paġni tal-ktieb. Huwa se jeħodkom dawra fuq avventura mal-innijiet tal-proġett. Nħeġġukom biex taqraw il-ktieb u tisimgħu l-innijiet indikati bil-kodiċi QR.
B’mod personali, nixtieq nirringrazzja lil kull min ħadem minn qalbu fuq dan il-proġett u għamlu possibbli.


↑Back to Top